Il-Mulej Alla dalgħodu ċaħad li jinsab “mqażżez”.
‘Qażżistu ‘l Alla’ (normalment miktuba ħażina) hija fost l-iktar frażijiet popolari li jħobbu jiktbu l-partitarji Laburisti fuq Facebook fil-konfront ta’ dawk li jopponu u jikkritikaw il-gvern, flimkien ma’ ‘ja qatta ndannati’ u ‘xi dwejjaq għandkom’
“Il-Laburisti ilhom kważi xahrejn sħaħ jgħidu lid-dimostraturi li qazżewni, u issa qabżitli l-ostja. Lanqas biss saqsewni x’naħseb qabel m’użaw ismi. La talba, la telefonata, la email, xejn,” qal il-Mulej fi stqarrija mill-Ġenna.
“Kieku ndenjaw ruħhom isaqsuni, kont ngħidilhom li l-pożizzjoni tiegħi hija favur il-protesti kontra l-gvern. Dan Joseph, li għall-grazzja Tiegħi issa telaq, kien jaħseb li hu xi Messija ġdid. Tgħid mhux se nappoġġja lilu u lil sħabu l-korrotti l-oħra? Jista’ jmur Betlehem kemm iż-żobb irid. U f’ġieh Jien, iġġiegħlunix nibda fuq Michelle għax litteralment ma nispiċċa qatt.”
Mistoqsi x’jaħseb dwar il-prim ministru l-ġdid, il-kreatur tal-univers qal:
“Dan Robert Abela jidher li hu bott liba wkoll eh, ngħiduha kif inhi. Ifhem, avukat tal-PA. X’tistenna? U ma nafx min hu responsabbli għal dak ix-xedaq ta’ gorilla l’għandu. Żgur mhux xogħli.”
Alla stqarr li jekk il-Laburisti ma jiqfux jużaw ismu mingħajr permess, se jkollu jieħu miżuri estremi biex iwaqqafhom milli jagħmlu dan.
“Daqt ngħid lil Charlie biex jagħmlilhom interdett ieħor. Bla nejk.”