Il-programm tat-telebejgħ Easylife qed ibigħ allegata vaċċina għall-Coronavirus.
Dan sostnih Peter, il-preżentatur tal-programm, illum waranofsinhar fuq TVM.
“Ħbieb tiegħi, insellmilkom u nilqagħkom għal dan it-telexopink. Naħseb intom, bħali, xbajtu toqogħdu ġewwa minħabba dal-misħut Coronavirus,” beda Peter, bl-istil tipikament animat tiegħu.
“Għalhekk illum għandi prodott ġdid u innovattiv għalikom. Lanqas biss se temmnuni – illum għandi għalikom il-vaċċina tal-Covid-19!
“X’inhu? Iva, sewwa smajtu ħbieb tiegħi. Bħalissa hemm mijiet ta’ xjentisti madwar id-dinja li qed itellqu mal-ħin fit-tfittxija għal mod kif iwaqqfu dil-marda. Imma aħna tal-Easylife irnexxielna niskopru kif fil-fabbrika tagħna f’Ħal Għaxaq.”
Peter minnufih stieden lit-telespettaturi biex iħarsu lejn close-up ta’ pirmla żgħira ttimbrata “Covidvax” li kellu f’idu.
“Jekk qed tbatu bil-Coronavirus u tieħdu l-Covidvax, jgħaddilkom mal-ewwel. U jekk qatt ma kellkom, ħuduha xorta ħalli ma taqbadkom qatt.
“Daqshekk lockdowns, daqshekk sowxjal distinsink, daqshekk self-ajsolejxin u x’naf jien.”
Il-preżentatur talab lir-reġija biex turi filmat ta’ diversi nies li jidhru morda, li mbaghad jieħdu l-pirmla u jqumu fuq tagħhom u jitbissmu.
“Filli tkun sieq waħda fil-kaxxa, imbagħad tħossok qisek bniedem ġdid. Emmnuni, dan prodott inkredibbli.
Peter żied jgħid li l-vaċċina għandha benefiċċji oħra wkoll.
“Din ma tfejjaqkomx biss mill-Corona, ħbieb tiegħi. Tafu dak il-piż kollu li tellajtu għax m’intomx sejrin il-gym u ġogink? Il-Covidvax għandha wkoll dak li bl-Ingliż isejħulhom “weight loss properties”. Jiġifieri jekk tixtru kaxxa ta’ 100 pirmla u tkomplu tiħduhom kuljum, sakemm jasal is-sajf tkunu nqastu bin-nofs. X’ma toqogħdux fil-bikinis imbagħad?
“U mhux talli hekk, talli tneħħi t-tikmix ukoll!”
Meta wasal il-ħin biex iħabbar il-prezz, Peter laħaq il-crescendo tal-eċitament tiegħu.
“Naf x’qed tistaqsu lilkom infuskom: “Imma dan il-miraklu bijomediku min jaf kemm jiswa?!” Ngħidilkom il-verità ħbieb tiegħi: il-World Health Organisation, jiġifieri l-aqwa tobba fid-dinja, qalulna biex nitolbu €5,000 ’l kaxxa. Imma aħna qed noffruhomkom għall-prezz sinċerament redikolu, stupidu, u fenomenali ta’ €49.99, u bil-free delivery wkoll.
“Mhux talli hekk, talli jekk iċċemplulna issa stess fuq 21342844, inżidu wkoll sett borom u hairdryer b’xejn.
“Aħna għalhekk jisimna Easylife, għax nagħmlulkom ħajjitkom aktar faċli.”
Wara li spiċċa, Peter reġa’ rrepeta kollox għal tliet darbiet oħra.