Keith Schembri – iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-sid tal-Kasco Group sa mit-twaqqif tal-kumpanija fl-1996. Keith Schembri magħruf bħala bniedem li jgħid dak li għandu jgħid u ma jiddejjaqx jgħid il-verità dwar kif għamel flusu.
Il-bieraħ fil-gazzetta The Sunday Times of Malta ġie rrapurtat li f’temp ta’ ħames snin biss, Schembri kabbar il-bilanċ bankarju tiegħu minn €50,000 għas-somma enormi ta’ €850,000. Minkejja dan, l-artiklu ma qalx kif irnexxielu jagħmel dan.
Iżda dalgħodu fuq Smash TV, Schembri ta iżjed dettalji fuq kif irnexxielu, kif ukoll kif int ukoll tista’ ssir sinjur bħalu.
X’ġara ezatt?
Il-preżentatur ta’ “Talking BS”, l-aqwa ġurnalist ta’ Malta Karl Stennienibarra, stieden lil Keith Schembri fuq il-programm biex jaqsam mat-telespettaturi xi pariri dwar kif tagħmel il-flus u dak li ġara wara, fuq programm DIRETT, ħasad lil kulħadd:
“Irnexxejt fil-ħajja minħabba l-fatt li naħtaf l-opportunitajiet il-ġodda mill-ewwel – mingħajr ma naħsibha darbtejn. U bhalissa, dak li qed jagħmilli l-iktar flus huwa karus maġiku (magic piggy bank).”
Keith Schembri spjega lil Stennienibarra kif, fl-2014, kien qed jiżbarazza l-kantina tad-dar tal-ġenituri tiegħu meta sab karus forma ta’ ħanżir ħelu.
“Dak il-lejl qabel ma mort norqod tfajt €5 fil-karus u għedt talba lill-Bambin. Meta qomt l-għada u ċċekjajt il-kont, sibt li kelli €5,000!
“Minn dakinhar ‘l hawn tfajt €5 fil-karus fl-aħħar ta’ kull xahar, u b’hekk spiċċajt bil-flus kollha li għandi issa.”
Karl Stennienibarra baqa’ mbellaħ hekk kif Keith Schembri wera lit-telespettaturi l-ammont ta’ flus li diġà kienu daħlulu fil-kont tal-bank personali tiegħu grazzi għall-ħanżir maġiku.
Iżda Keith Schembri ma waqafx hemm. Kompla jżid jgħid kif int ukoll tista’ tuża dan il-‘loophole’ tal-flus.
“Kull m’għandek bżonn tagħmel huwa li tibgħatli l-flus kollu tiegħek permezz ta’ Western Union Money Transfer. Jien imbagħad nitfa’ l-fondi fil-karus u meta jiżdiedu permezz tal-meġiks nibgħathomlok lura. Jien kull ma nżomm huwa commission żghir għalija u għall-accountant tiegħi fin-Niġerja.
Keith Schembri temm l-intervista billi qal li min ma jemminx b’dan is-sigriet huwa Nazzjonalist negattiv mimli bl-għira u l-mibegħda.
Aġġornament: Minn mindu nkiteb dan l-artiklu ftit sigħat ilu, Bis-Serjetà huwa nfurmat li eluf ta’ Maltin diga bagħtu flushom lil Keith Schembri u se jsiru sinjuri fil-ġranet li ġejjin. Minħabba din id-domanda kbira, Keith Schembri ħareġ din l-istqarrija:
“Indunajt li l-poter tal-ħanzir huwa kbir wisq biex nikkontrollah. Allura, sabiex ma nirrovinax l-ekonomija Maltija, fi zmien xahar se nkisser il-ħanzir f’elf biċċa u nitfgħu fil-Vulkan Etna.”
Allura, jekk tixtieq tieħu vantaġġ tal-poteri magici tal-karus ta’ Keith Schembri qabel ma jispiċċa mfarrak u nċinerat, ibgħat email lil tillgate.mossackfonseca@yahoo.pa sabiex tesprimi l-interess tiegħek f’din l-iskema inkredibbli.