Karl Stennienibarra
Is-salott ta’ dar fil-Mosta għadu kemm ġie ddikjarat bħala l-aktar post abitat kiesaħ fid-dinja.
Dan is-salott inġazzat jagħmel parti minn dar qadima li tinsab qrib il-knisja tal-Mosta. Ġo fiha jgħixu Paul u Joanna Mercieca, koppja li ilhom hemm 35 sena.
Sa ftit żmien ilu, kien maħsub li l-aktar post abitat kiesaħ fid-dinja huwa r-raħal ta’ Oymyakon fir-Russja.
Fl-2013, f’Oymyakon ġiet irreġistrata l-aktar temperatura baxxa fl-istorja għal post abitat, li kienet ta’ 72 grad Celsius taħt iż-żero.
Iżda din it-temperatura mhija xejn meta mqabbla mal-101 grad Celsius taħt iż-żero li ġew irreġistrati fid-dar tal-Mosta, fis-7:30 p.m. tal-bierah.
Wara li mesaħ s-silġ li kien inġema’ fuq ix-xagħar t’għajnejh, is-Sur Mercieca qalilna kif hu u martu tgħallmu jadattaw għal dawn il-kundizzjonijiet ħorox.
“Żmien twil ilu, l-antenati tiegħi fasslu trattati kummerċjali mal-“Inuits” li jgħixu fl-Artiku. Għadhom sal-lum jagħtuna l-ġlud tal-annimali, filwaqt li aħna nibgħatulhom il-pastizzi, li huma sors eċċellenti ta’ xaħam, saħansitra aqwa minn dak tal-balena.
Meta ġiet mistoqsija għalfejn il-koppja ma tixgħelx il-heater, is-Sinjura Mercieca ma tħarrkitx, billi ħalqha kien iffriżat.
“Ħares, aħjar immur nittawwal fuq Ursula,” qal is-Sur Mercieca, li kien qed jirreferi għall-polar bear li kienet rieqda fis-sodda tal-koppja.
Kull xitwa, eluf ta’ Maltin jitilqu mid-djar kesħin tagħhom biex ifittxu l-kenn tal-beraħ.
Xi wħud minnhom jivvjaġġaw saħansitra sat-tramuntana tal-Ewropa, fejn it-temperaturi jkunu relattivament sħan bis-saħħa ta’ fenomenu li jissejjaħ “central heating”.
Bosta xjenzjati jaħsbu li d-djar Maltin jistgħu jkunu s-soluzzjoni għall-problema tat-tisħin globali.
“Li kieku l-pajjiżi żviluppati kollha jimpenjaw lilhom infushom biex jibnu 100 dar Maltija kull sena, hemm ċans li ntaffu l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima qabel ma jkun tard wisq,” saħaq rapport reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dan is-suġġett.
Segwi lil Bis-Serjetà fuq Fejsbuk ta ħi