Home News

L-Olimpjadi mħassra: Malta se jkollha tistenna sena oħra biex tkaxkar il-midalji kollha

Karl Stennieniġewwa

L-atleti Maltin se jkollhom jistennew sena biex ikaxkru l-midalji kollha fl-Olimpjadi, hekk kif Tokyo 2020 ġie sospiż sal-2021.

Nhar it-Tlieta, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ħabbar is-sospensjoni minħabba l-pandemija ta’ Covid-19.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, esprima d-diżappunt tiegħu dwar l-aħbar.

Huwa stqarr, “Avolja qatt ma rbaħna xejn minn meta bdejna nipparteċipaw kważi mitt sena ilu, konna ċerti li din id-darba se nikinsu l-art b’kulħadd u nirbħu kull midalja tal-bronż, tal-fidda u tad-deheb.”

“L-atleti kollha vera ilhom jistinkaw u l-moral kien vera għoli. Issa se nibilgħu sena oħra qabel nifqgħu ’il kulħadd.”

Pace Bonello żied jgħid li, qabel tħassru l-Olimpjadi, kien qed jittama li l-avveniment isir mingħajr il-pajjiżi li għandhom għadd kbir ta’ nies infettati. 

“Tifhmunix ħazin, xorta konna se niddominaw kull sport. Imma kien ikun ħarira aktar faċli li kieku minflok nikkompetu mal-Istati Uniti u maċ-Ċina, kien ikollna lill-Moldova.”

Sadanittant, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol stqarr li Malta għandha ċans tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja jekk dik tal-Qatar fl-2022 tiġi posposta b’ħamsin sena u jekk il-marda teqred il-biċċa l-kbira mill-pajjiżi l-oħra.